Is-Sibt, 15 ta’ Ottubru 2011

Xejn ħlief is-sewwa...hekk Alla jgħini

Kont l-ewwel wieħed (wieħed mill-ftit) li ħriġt ngħid li lil Lou Bondi tista’ tgħajjru b’kollox imma mhux għax ateju.

It-titlu “Nazzjonalist u ma jemminx f’Alla” għalija kien bla sens għall-aħħar u ma jgħid xejn. Għandu kull dritt jemmen jew ma jemminx li jrid. Fuq kollox, għandu dritt ukoll jiddikjara dak li jemmen jew ma jemminx.

IMMA...u hawn reġa’ qam il-bużillis.


Iddikjara li ma temminx kemm trid, imma tiġix tbus is-salib fil-Qorti. Taħlifx li qed tgħid “is-sewwa, is-sewwa kollu, u xejn ħlief is-sewwa, hekk Alla jgħini”, meta Alla, għalik m’hu ħadd u ma jeżistix. Jekk tagħmel hekk allura tkun qed titnejjek, mhux b’Alla (għax ma jeżistix, għalik), imma bil-ġustizzja.

Għax allura jekk inti qed taħlef fuq is-salib, li qed tgħid il-verita’, allura teknikament, tista’ tigdeb u tgħid lill-ostra trid, għax mintix marbut!!

Mela moħħi jgħidli li kellu daqsxejn punt l-avukat li qajjem dal-punt fil-qorti! Ħasra li kien Dr Toni Abela, għax bħal kollox f’Malta, ndaħħlu l-politika biex intellfu mill-punt oriġinali.

Dawn l-istejjer mill-Qorti jogħġbuni wisq u llum nixtieq nagħmilha jien tal-avukat. Fuq il-blog tiegħu, il-bieraħ Lou qal:


Jiġifieri fuq it-TV, qal il-verita’, li ma jemminx.

PERO’ Lou jaħasra. Qiegħed ngħid sew jien li meta ġejt iffaċċjat b’mistoqsija simili FIL-QORTI, bis-salib quddiemek, inti għażilt li tinsa l-verita’, u tbus is-salib, daqs li kieku għalik dik il-figura fuq biċċa injama, tfisser xi ħaġa?

Jiġifieri qiegħed ngħid sew jien li l-verita’ għażilt li tgħidha fuq it-TV, minflok fil-Qorti?

M’għandix iktar kummenti x’nagħmel, Sur Imħallef!

1 comment: